X'inhu AusAlert?
AusAlert huwa sistema nazzjonali ta' twissija li juża l-aktar teknoloġija riċenti biex jintbagħtu messaġġi ta' emerġenza lejn apparat mobbli kompatibbli bħal mowbajls, tablets u smart watches.
Hu mod mgħaġġel u affidabbli biex jgħinek tkun infurmat u preparat aħjar waqt emerġenzi lokali u nazzjonali bħal:
- nirien
- għargħar
- ċikluni
- tsunamis
- maltempati jew avvenimenti tat-temp severi
- emerġenzi tas-saħħa pubblika
- theddid lis-sigurtà
- inċidenti ta' bijosigurtà.
Jekk inti tgħix l-Awstralja jew qiegħed hawn minn pajjiż ieħor, tista' tirċievi AusAlert jekk hemm xi emerġenza jew diżastru fil-post fejn qiegħed.
Wieħed jista' jirċievi l-AusAlerts permezz ta' apparat mobbli kompatibbli anke mingħajr SIM card jew eSIM Awstraljana.
Apparat mobbli kompatibbli huma iPhones 11 u għola li għandhom iOS 26.4 jew aktar riċenti, u mowbajls u tablets Android li għandhom Android 12 jew verżjoni aktar riċenti.
Inti tista' tafda f'AusAlert
L-AusAlert ġiet żviluppata mill-Gvern Awstraljan u hija sikura.
L-AusAlert:
- qatt mhu ser isaqsik għad-dettalji personali jew finanzjarji tiegħek
- ma tafx u ma żżommx l-informazzjoni personali tiegħek
- ma tafx u ma żżommx in-numru ta-telefown tiegħek
- ma tittrekkjax il-post fejn qiegħed
- ma tirrikjedix li inti tinkiteb għaliha.
Kif tirċievi AusAlert
Il-messaġġi tal-AusAlert ser jaslulek bl-Ingliż. Jekk qed iżżur l-Awstralja minn pajjiż ieħor, jew jekk l-Ingliż m'huwiex l-ewwel lingwa tiegħek, jista' jkun diffiċli biex taqra u tifhem AusAlert.
AusAlert jagħmel dan il-ħoss.
Skont l-apparat mobbli li għandek, tkun tista' tittraduċi l-messaġġ tal-AusAlert bil-lingwa tiegħek billi:
- tagħfas fuq it-twissija
- tikkopja l-kliem
- tpoġġieh fuq app jew websajt li jittraduċi awtomatikament fil-lingwa li tagħżel.
L-AusAlerts għandhom informazzjoni importanti dwar emerġenza.
Ser jinkludu:
- it-tip ta' emerġenza
- fejn qiegħda
- kemm hi serja
- x'rispons hemm bżonn
- fejn tista' tinstab aktar informazzjoni.
Jekk tirċievi AusAlert, għandek taqra u issegwi l-istruzzjonijiet biex iżżomm lilek innifsek u lil ħaddieħor sikur.
Hemm żewġ tipi ta' AusAlerts.
Twissijiet kritiċi:
huma użati f'emerġenzi l-aktar estremi
jikkawżaw l-apparat mobbli tiegħek biex jivvibra u jdoqq ħoss qawwi qiesu ta' sirena għal madwar 10 sekondi
jiġu mwassla anke jekk l-apparat tiegħek qiegħed 'silent' jew fuq 'do not disturb'
ma jistgħux jiġu mitfija fis-settings tal-apparat mobbli tiegħek.
Twissijiet ta' prijorità:
huma użati għal emerġenzi fejn hemm livell ta' theddida li qed jiżdied għax qed jinbidlu l-kundizzjonijiet
jistgħu jikkawżaw l-apparat mobbli tiegħek biex jivvibra u jdoqq ħoss qawwi qiesu ta' sirena għal madwar 10 sekondi, imma dan jiddependi mis-settings tal-apparat tiegħek
ma jitwasslux jekk l-apparat tiegħek ikun 'silent' jew fuq 'do not disturb'
jistgħu jiġu mitfija fis-settings tal-apparat mobbli tiegħek.
Waqt li qed issuq
Jekk tirċievi AusAlert waqt li tkun qed issuq, ibqa’ kalm u taqbadx il-mowbajl tiegħek, għax huwa illegali li tagħmel dan. Il-ħoss tat-twissija għandu jieqaf wara madwar 10 sekondi. Meta tkun tista’, sib post sigur u legali biex tieqaf u taqra l-messaġġ.
Għajnuna biex taqra AusAlert
Jekk għandek bżonn għajnuna biex tifhem messaġġ ta’ AusAlert:
staqsi lil membru tal-familja, lil xi ħabib jew lil xi ħadd li jifhem bl-Ingliż biex jaqrahulek
iċċekkja kanali oħra ta’ komunikazzjoni ta’ emerġenza, bħal televiżjoni jew radju lokali jew nazzjonali, apps jew websajts
żur ausalert.gov.au/current-alerts biex issib it-twissija u tittraduċiha fil-lingwa li tippreferi billi tuża app jew websajt.
Jekk għandek bżonn ta' aktar għajnuna f’lingwa oħra minbarra l-Ingliż, ir-riżorsi f’din il-paġna u fis-sezzjoni tal-Lingwi tal-websajt jistgħu jgħinuk.